Saturday, June 11, 2016:

Renowned Relic of St George to be brought to Gozo


Bi pjaċir kbir inħabbru li l-ġimgħa d-dieħla se jkollna l-grazzja li nilqgħu fil-Parroċċa tagħna r-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ li tinsab meqjuma fil-Katidral ta’ Ferrara, l-Italja.

Dan se jsir b’kortesija tal-Parroċċa Ġorġjana ta’ Ħal Qormi li dis-sena, biex tfakkar b’mod xieraq il-275 anniversarju tal-istatwa titulari tagħha maħduma mill-iskultur Malti Pietru Felici, ħasbet biex tinġab għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin din ir-relikwa għażiża tal-patrun tagħna San Ġorġ.

Ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ se tasal Għawdex direttament mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar l-Erbgħa li ġej, 15 ta’ Ġunju filgħaxija u tibqa’ magħna sas-Sibt 18 ta’ Ġunju filgħodu.

Għaldaqstant, filwaqt li rroddu ħajr lil Alla ta’ dan id-don hekk sabiħ li nqimu u ngħożżu mill-qrib dik “l-id tal-ħniena” li permezz tagħha Huwa għamel għeġubijiet daqstant kbar, ejjew, aħna l-Għawdxin, nitħeġġu u nitħejjew kif imiss ħalli nhar l-Erbgħa li ġej San Ġorġ, il-“Missier ħanin” tagħna, jsibna skont il-qalb tiegħu, jiġifieri b’qalb kbira li ma tixba’ qatt tħobb lil Alla u li ma tgħejja qatt tħenn għall-oħrajn.

 Viva Ġorġi tagħna!

 

 

PROGRAMM

 

L-Erbgħa 15 ta’ Ġunju
Mal-wasla tagħha waranofsinhar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ir-Relikwa tinġab direttament Għawdex fejn titqiegħed għall-qima fil-knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria.
6.30pm: Translazzjoni Solenni tar-Relikwa insinji ta’ Driegħ San Ġorġ mill-knisja ta’ San Ġakbu għall-Bażilika Urbana bis-sehem tal-Kapitlu u l-kleru Ġorġjan.
7.00pm: Velja Solenni bil-kant tal-Għasar madwar ir-Relikwa ta’ San Ġorġ.
 
Il-Ħamis 16 ta’ Ġunju • Is-Sitt Ħamis ta’ San Ġorġ
7.30am: Quddiesa fil-knisja ta’ San Franġisk, fejn ir-Relikwa ta’ Driegħ San Ġorġ tkun esposta għall-qima tal-fidili.
9.00am-12.00pm: Żjara tar-Relikwa fid-djar tal-anzjani fil-Belt Victoria.
3.00pm-4.30pm: Żjara tar-Relikwa fid-djar tal-morda u l-anzjani tal-parroċċa.
5.00pm: Quddiesa fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn ir-Relikwa ta’ Driegħ San Ġorġ tkun esposta għall-qima tal-fidili.
7.00pm: Quddiesa kantata tas-Sitt Ħamis ta’ San Ġorġ fil-Bażilika, li għaliha huma mistiedna b’mod speċjali l-familji u t-tfal tal-parroċċa.
 
Il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju
7.00am: Quddiesa fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, fejn ir-Relikwa ta’ Driegħ San Ġorġ tkun esposta għall-qima tal-fidili.  
9.00am-11.00am: Żjara tar-Relikwa lill-pazjenti morda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
11.30am: Laqgħa ta’ merħba lir-Relikwa mill-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex fil-Belt Victoria.
3.00pm-6.00pm: Żjara tar-Relikwa fid-djar tal-morda u l-anzjani tal-parroċċa.
7.30pm: Pellegrinaġġ Penitenzjali Parrokkjali tal-Ġublew tal-Ħniena bir-Relikwa insinji ta’ Driegħ San Ġorġ mill-Bażilika Urbana għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, fejn issir Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Dawk li m’humiex f’kundizzjoni li jagħmlu t-triq kollha tal-pellegrinaġġ jistgħu jagħmlu użu mit-trasport li se jkun ipprovdut minn Pjazza San Franġisk u Pjazza Santu Wistin sas-siġra ta’ Ta’ Pinu, minfejn imbagħad ikunu jistgħu jingħaqdu mal-bqija tal-pellegrini.  
 
Is-Sibt 18 ta’ Ġunju
7.00am: Quddiesa fil-knisja ta’ Santu Wistin, fejn ir-Relikwa ta’ Driegħ San Ġorġ tkun esposta għall-qima tal-fidili. 
9.00am: Konċelebrazzjoni solenni ppreseduta mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, bis-sehem tal-Kapitlu u l-kleru Ġorġjan.  Fit-tmiem, kant solenni tat-Te Deum b’radd il-ħajr lil Alla għad-don prezzjuż tal-miġja tar-Relikwa insinji ta’ San Ġorġ fil-gżira ta’ Għawdex. 
10.00am: Tluq tar-Relikwa lura lejn Malta.
 
Dawk il-morda u l-anzjani li jixtiequ li r-Relikwa għażiża ta’ San Ġorġ iżżur id-djar tagħhom fil-ħinijiet indikati f’dan il-programm huma mitluba jikkuntattjaw mill-aktar fis possibbli lill-Uffiċċju Parrokkjali fuq 79256897 jew info@sangorg.org.

 



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login