Wednesday, December 14, 2016:

Christ will set us free


Omelija fil-Pussess ta’ Mons. Joseph Curmi

bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ

 

Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria

Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016, it-Tielet Ħadd tal-Avvent

 

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 

Kristu joħroġna mill-ħabs tagħna

 

Meta mill-ħabs Ġwanni l-Għammiedi sema’ bl-għemejjel ta’ Ġesù, huwa bagħat jistaqsih: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Għażiż ħija fis-saċerdozju,  nistħajjel li meta dalgħodu din il-komunità parrokkjali, li laqgħetek bi mħabba kbira, qed tagħmillek din il-laqgħa sabiħa, hawn min bħall-Battista qiegħed “fil-ħabs” u allura qed jistaqsi: Dan l-Arċipriet huwa dak li għandu jiġi biex jagħtina ftit tat-tama u jgħinna noħorġu minn dan l-għeluq, jew nistennew lil ħaddieħor? Din hija l-mistoqsija li nixtieqek tirrifletti dwarha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

 

Fil-ħajja hemm diversi esperjenzi fejn aħna nħossuna wara l-iżbarra. Normalment fil-ħabs jintbagħtu dawk li għandhom imġiba antisoċjali – dawk li l-ħajja tagħhom ma tkunx skont il-kanoni tas-soċjetà. U nirringrazzjaw lil Alla li għadhom ma bagħtux lil xi ħadd minna, għax mhux bilfors li aħna li qegħdin barra, aħna aħjar minn dawk li hemm ġewwa; kulħadd għandu xi farka ta’ atteġġjament antisoċjali. Ħafna drabi aħna nieħdu gost jekk dawk li jiżbaljaw jingħataw sentenzi ibsin biex narawhom ipattu; u jekk dawn ma jeħlux sentenza ta’ priġunerija, nitfgħuhom fil-ħabs aħna stess għax neskludhom miċ-ċrieki tagħna bil-konsegwenza li l-munzell tal-persuni skartati jkompli jogħla. Miskin hu min jiċċappas b’xi mġiba mhix korretta u jaħbat dufrejh mal-liġi, għax mhux lakemm ikun fdat aktar. Ħafna drabi dawn il-persuni mhux biss jitwarrbu mis-soċjetà imma wkoll mill-komunità ekkleżjali!

 

Imbagħad hemm dawk li qed iqattgħu ħajjithom fil-ħabs tas-solitudni. Dan l-aħħar, aġenzija li toffri sapport soċjali ppubblikat statistika li turi li hawn numru għoli ta’ persuni li qed jgħixu waħidhom – mhux għaliex qed jgħixu fiżikament waħidhom, imma għax iħossuhom minsijin mill-bqija. Il-lista ta’ dawk li huma f’din il-kategorija hija twila: hemm l-anzjani, il-morda – kemm dawk li jinsabu rikoverati fl-istituzzjonijiet u kemm f’darhom –, dawk li huma “marbutin” fi djarhom minħabba l-kundizzjoni tagħhom, dawk li minħabba l-kundizzjoni psiko-fiżika tagħhom ma jistgħux jgħixu ħajja indipendenti, u tant oħrajn. Dawn huma parti mis-soċjetà u mill-komunità Nisranija li qegħdin jittamaw li jsibu ftit tal-wens!

 

Hemm imbagħad dawk li jħossuhom ikkalzrati fil-ħabs tad-dubji. F’ċertu sens, jien nammira lil Ġwanni l-Għammiedi għax ma beżax jesterna l-perplessità u l-inċertezzi tiegħu dwar min hu Ġesù Kristu. Jien konvint li madwarna hawn min huwa mikul mid-dubji, imma m’għandux il-kuraġġ jesprimihom, anki jekk ċerti dubji huma serji ħafna għax iqajmu mistoqsijiet fundamentali li jaffettwaw il-ħajja tal-bniedem. Il-gwaj ikun ferm aktar jekk inkunu aħna stess li bl-imġiba tagħna fil-komunità noħolqu din il-konfużjoni fl-imħuħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, il-Vanġelu u l-Knisja.

 

Hemm oħrajn li jinsabu fil-ħabs tal-kundizzjoni tagħhom minħabba li f’ħajjithom ikunu għamlu għażliet li huma irreversibbli. Fil-ħajja hemm għażliet li wieħed jista’ dejjem jerġa’ lura minnhom; imma mbagħad hemm għażliet li ladarba wieħed jagħmilhom, ma jkunx jista’ jerġa’ lura minnhom u jkollu jgħix bihom, anki jekk wieħed qatt ma kien messu kkunsidra li jagħmilhom.

 

Dawn huma ftit mill-kategoriji ta’ persuni li llum qed jagħmlu l-esperjenza tal-ħabs. Niżgurak li hawn minnhom madwarek dalgħodu – konxjament qed ngħid “madwarek” u mhux fil-ġemgħa. Dawn il-persuni huma ħerqana biex mingħandek jisimgħu kelma li tista’ toħroġhom mill-ħabs.

 

Jien nistħajjel li l-Battista feraħ meta d-dixxipli tiegħu reġgħu lura fil-ħabs u rrakkontawlu dak li kien qalilhom Ġesù. Nimmaġina li minkejja li kien fiżikament fil-ħabs, meta sema’ t-tweġiba li bagħatlu Ġesù, Ġwanni ħa r-ruħ u ħassu ħieles. Fil-fatt Ġesù qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu” (Mt 11:4-5).

 

Ġesù hu dak li jagħti d-dawl lill-għomja – mhux tant biex japprezzaw dak li huwa materjali, imma biex jiftħilhom għajnejhom biex jaraw lil Alla u lilhom infushom bħala wlied maħbuba minn Alla. Imbagħad ladarba jibdew jaraw lil Alla, ikunu jistgħu jimxu l-pellegrinaġġ tal-fidi wara Ġesù. Min hu bla dawl ma jafx imidd riġlejh għax ma jkollux direzzjoni u jibqa’ mwaħħal. Nibża’ li l-Knisja tagħna f’ċerti ambjenti staġnat spiritwalment – għandha riġlejha mwaħħla. Meta nieqaf naħseb dwar kif xi wħud iħarsu lejn il-Knisja, nissuspetta li  għandhom qoxra fuq għajnejhom għax għadhom ma humiex jaraw il-Knisja kif waslitilna mill-Konċilju Vatikan II. Ebda dnub ma għandu jaqtgħalna qalbna fil-mixja tagħna. Kif għamel mal-lebbrużi, Ġesù jaħfrilna d-dnub biex jerġa’ jarana integrati fil-komunità. Jekk il-bniedem isodd widnejh għax ma jiflaħx jisma’ aktar kliem vojt u qarrieqi, quddiem Ġesù, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam, il-bniedem jerġa’ jiftaħ widnejh għax kliemu jinżillu għasel u jserrħu. Fuq kollox, min verament jagħmel esperjenza ta’ Ġesù ma jkollu ebda dell tal-mewt fuqu.

 

Fil-bidu tal-ministeru tiegħek bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa, dan hu li nixtieq minnek: li dawn ħutna li qegħdin jagħmlu esperjenza ta’ ħabs jisimgħu minnek dak li Ġesù qal lill-Battista: kelma ta’ faraġ u tama li tgħinhom joħorġu mill-għeluq tagħhom. Kemm hija qawwija l-kelma ta’ Ġesù: “Il-Vanġelu jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5)! Ma nixtiqekx tagħmel mill-parroċċa li qed nafdalek “komunità elitista”. Hemm diversi kategoriji ta’ elite. Anki l-Insara li jaħsbu li huma qaddisin jistgħu jkunu fost l-elite. Min jaħseb li huwa superjuri għall-oħrajn  ma jħaddimx il-loġika tal-integrazzjoni imma l-loġika separatista. L-elite mhux ser jiftakar f’dawk li huma fil-ħabs – ma jinteressahx ġenwinament mill-foqra. Għalhekk importanti li nżommu quddiem għajnejna li l-Vanġelu jixxandar lill-foqra. Il-faqar mhux biss kategorija ekonomika jew soċjoloġika, imma huwa wkoll kategorija teoloġika. Il-foqra huma l-laħam ta’ Kristu. Għalhekk nafdalek il-foqra, kemm dawk foqra materjalment u kemm dawk foqra spiritwalment.

 

Bħalma llum qegħdin niċċelebraw Ħadd il-Ferħ, bl-interċessjoni tal-Patrun tagħna San Ġorġ, il-kavallier ta’ Kristu li ħeles lil ħafna mill-ħabs tal-paganiżmu, inti tkun għal din il-komunità dak is-saċerdot li bil-kelma u l-azzjoni pastorali tiegħek tgħinha ġġarraf kull għamla ta’ ħabs u tikseb il-libertà u l-ferħ li jaf jagħti Kristu.



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login