Tuesday, June 21, 2016:

Emotions that touch the heart!


Last week, our parish community welcomed for three days the Relic of the Arm of St George from the Cathedral of Ferrara, brought to the Maltese islands on the occasion of the 275th anniversary of the statue of St George in Ħal Qormi. The prestigious Relic came to Gozo on Wednesday 15 June and left on Saturday 18. When the invitation came from the Parish of St George in Ħal Qormi, we certainly could not refuse to welcome the Relic for some days in Gozo. St George’s Parish prepared a programme of events which included liturgical functions and various visits. As expected, the presence of St George’s Arm amongst us filled our hearts with joy – it was the living presence of our patron saint who, with his holy arm, wanted once again to show us Christ.

 

Seminarian Joseph Hili, who is currently doing a pastoral experience in our parish, and who was very close to the Relic during the last few days, shares his emotions with the readers of this website.

 

***

 

Emozzjonijiet li jmissu l-Qalb!

 

F’dawn l-aħħar ġranet ta’ bejn il-15 u t-18 ta’ Ġunju kellna x-xorti li nilqgħu fostna r-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ fil-Parroċċa tagħna, miġjuba fostna minn Ferrara fl-Italja. Nistgħu ngħidu li għalina, minkejja li kienet aħbar li waslet fi żmien qasir, kienet aħbar li mlietna bil-ferħ. San Ġorġ reġa’ għoġbu jagħtina rigal kbir, reġa’ fostna wara sentejn. Bħal kull ħaġa li ġġib il-ferħ, aħna mħeġġin li nwassluha lill-oħrajn, ma nżommuhiex għalina, imma naqsmu ma’ kulħadd dan il-ferħ tagħna. Hekk għamilna aħna bħala parroċċa, għaliex fiż-żmien li kienet hawn fostna ppruvajna nwassluha għand kemm jista’ jkun persuni. Ovvjament kienu ħafna dawk li kkonkorrew għall-funzjonijiet tal-knisja fejn kien hemm ir-Relikwa, imma aħna wassalna r-Relikwa għand dawk li ma jistgħux jiġu, għand dawk li l-mard iżommhom milli joħorġu.

 

Kienu jiem ta’ attività kbira li fihom kelli x-xorti li nqatta’ ħafna ħin inwassal din ir-relikwa lil diversi nies li ma setgħux jiġu huma biex jagħmlu l-esperjenza ta’ San Ġorġ fostna. Kienu ġranet li fihom stajt nara d-dgħufija tal-persuna umana, stajt nara l-ġerħat tal-mard, stajt nara d-diffikultajiet li tlaqqagħna magħhom il-ħajja, imma stajt nara wkoll it-tama kbira li jagħti San Ġorġ lill-morda tagħna. Kull meta konna nidħlu fid-djar ta’ xi marid jew marida, mill-ewwel kienu joħorġu sentimenti qawwija, emozzjonijiet kbar li mhux faċli tiddiskrevihom bil-kliem. Tisma’ espressjonijiet bħal: “San Ġorġ, agħtini t-tama”; “San Ġorġ, itlob lil Alla għalija”; “San, Ġorġ fejjaqni”, li, akkumpanjati minn bewsa passjonali, iġagħluk tħoss ċerti emozzjonijiet li ftit drabi tkun ħassejt. Kienu mumenti fejn bħala persuna tħoss it-tbatija tal-marid, imma fl-istess ħin tħoss is-serenità, il-paċi, il-ferħ u t-tama li jagħti San Ġorġ lid-devoti tiegħu fil-gżira Għawdxija. Quddiem l-ostakli tal-ħajja, San Ġorġ wassal fil-qalb ta’ dawn il-persuni ċertu ferħ li kien jidher fil-biki ta’ ħafna persuni morda. San Ġorġ wassal tama ġdida lil dawk il-persuni li kienu qatgħu qalbhom. San Ġorġ għadu jwassal lill-bniedem l-esperjenza ta’ Alla: dik ta’ mħabba infinita f’kull ċirkustanza.

 

Esperjenza mill-isbaħ kienet ukoll meta morna l-Isptar. Hemmhekk ħadna lil San Ġorġ ukoll qalb il-morda. Kienu mumenti sbieħ speċjalment fir-Residenza Sant’Anna fejn tara lil diversi anzjani fid-diffikultajiet tagħhom li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum, emozzjonati għaliex hemm ir-Relikwa ta’ San Ġorġ. Kienet esperjenza partikulari u sabiħa wkoll mal-istaff tal-isptar fejn ħassejna verament li konna milqugħin, għaliex żgur li din iż-żjara ta’ San Ġorġ fl-isptar kulħadd fehem li kienet ser tkun ta’ ġid għall-pazjenti. Din iż-żjara għamilnieha fit-tielet jum ta’ meta r-relikwa kienet hawn u forsi personalment l-għeja bdiet tagħmel tagħha; imma f’dak il-mumenti fejn konna qegħdin l-isptar, stajt inħoss ċerta enerġija biex inkomplu għaddejjin, għax San Ġorġ qed ikun dak li jagħti d-dawl fejn hemm id-dlam, dak li jagħti t-tama fejn hemm il-qtigħ il-qalb, il-kumpanija fejn hemm is-solitudni.

 

Fl-aħħar ma nistax nispiċċa dawn il-ftit kliem tiegħi mingħajr ma nagħmel riferiment għall-pellegrinaġġ penitenzjali li għamilna lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu. Kien att ta’ mħabba li għamilnieh id f’id mal-Verġni Mqaddsa Ommna Marija Ta’ Pinu, fix-xbieha devota tagħha meqjuma fil-Bażilika tagħna, u mal-Patrun tagħna San Ġorġ, permezz tar-Relikwa insinji ta’ Driegħu. Kienu mumenti emozzjonanti ħafna fejn in-nies setgħu jmorru jerfgħu r-relikwa għal parti mit-triq u kienu mumenti ta’ talb u devozzjoni kbira. Meta dħalna fis-Santwarju stajna nassistu għal mumenti ta’ skiet ma’ Ġesù Ewkaristija u hemmhekk stajna naraw kif Ġorġi tagħna u Ommna Marija verament wassluna għand Ġesù.

 

Kienu ġranet ta’ emozzjonijiet qawwija li jmissu l-qalb. Stajt nara l-passjoni ta’ diversi persuni lejn San Ġorġ li quddiem it-tbatijiet tagħhom isibu l-motivazzjoni permezz ta’ dan il-qaddis kbir. Kienu ġranet li stajt inħoss verament kemm il-qalb tal-Ġorġjani tħabbat intensament għall-Patrun tagħhom, għax San Ġorġ għadu jagħmel dak li kien jagħmel fl-ewwel sekli meta kien jgħix: iwassal lill-bniedem għand Alla għaliex hu kien mimli b’Alla.