Friday, December 16, 2016:

Welcome Speech to the New Archpriest


 

Messaġġ ta’ Merħba
lill-Arċipriet Mons. Joseph Curmi

Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016
Pjazza San Ġorġ, il-Belt Victoria

 

 

Francesco Pio Attard

 

“O Ragħaj ta’ Israel, agħti widen… u ejja ħa ssalvana” (Salm 80:2-3)

 

Dan hu l-kliem, għażiż Dun Joseph, li fil-qalba ta’ dan iż-żmien tal-Avvent li fih il-Knisja tistenna bil-ħrara ż-żjara ta’ Sidha, aħna ntennu mal-Liturġija Mqaddsa, hekk kif illum niċċelebraw id-daħla tiegħek fostna, sinjal ieħor ċar li l-Mulej ġej biex jifdi lill-poplu tiegħu. 

 

Fil-preżenza hienja tal-Isqof tagħna, tas-saċerdoti u l-poplu Ġorġjan, u ta’ tant oħrajn li ġew jifirħu magħna f’din l-għodwa sabiħa, f’riġlejn dan il-maqdes għażiż, ħallini ngħidlek minn qalbi: Merħba, Joseph!”. Ippermettili nsejjaħlek b’dan l-isem li bih nafek sa mis-snin li qattajna flimkien is-Seminarju, fejn sirt familjari għall-ewwel darba mal-karattru ferrieħi u ħelu tiegħek. 

 

Il-lum qed niltaqgħu f’kuntest differenti, dal-għodu int ġejt bħala ragħaj mibgħut minn Kristu biex tirgħa l-merħla ta’ din il-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Emminni, ma rsaqtx hawn biex nagħtik xi parir fuq kif tmexxiha, għax milli nafek jien konvint li int mexxej għaqli u għaref biżżejjed. Imma ta’ Nisrani u Ġorġjan li lil din il-komunità nixteqilha ħafna ġid, ħallini ngħidlek xi nħoss f’qalbi dal-għodu meta narak dieħel għal dan il-ministeru, piż ħelu li, kif għidtli sa mill-ewwel jum, ilqajtu minn qalbek u mhux għax imġiegħel, imqar jekk mhux mingħajr tbatija (għal dak li kellek tħalli)

 

Int qed tirċievi wirt uman, soċjali, artistiku, reliġjuż u spiritwali mill-aktar għani. Jien ċert li ħa ssib il-modi kif issaħħaħ dak li r-ragħajja ta’ qablek u missirijietna bnew b’tant għożża għall-ġid u t-tqaddis tal-poplu ta’ Alla. Din il-familja Ġorġjana l-lum mhix qed tippretendi amministratur ta’ ħila, imma ragħaj li jaf jisma’, jagħder, ifarraġ, iħobb. Dak hu li għandna bżonn tassew biex fik naraw lil Kristu r-Ragħaj il-Kbir, li jimxi quddiem il-merħla tiegħu biex juriha t-triq, f’nofsha biex magħha jaqsam il-pass tqil ta’ kull ġurnata, u warajha biex jara li ħadd ma jibqa’ lura jew jintilef. 

 

Kif qed jgħidlek Missierna l-Papa Franġisku, kun ragħaj li jingħaraf mir-riħa tan-nagħaġ tiegħu, imqar jekk din tinten bl-għaraq frott it-tbatija ta’ min jaħdem u forsi anki jittarraf fit-triq. Aħjar titħammeġ għax tkun tmegħikt mat-tajn x’ħin ħriġt tfittex il-mitlufa, milli ġġorr il-moffa tal-għeluq fis-sagristiji u ċ-ċrieki ‘klerikali’. 

 

Ix-xjenza li fiha int imħarreġ hi l-Liġi tal-Knisja, imma int fittex aktar dik il-liġi tal-imħabba li Alla permezz tiegħek irid jonqox fil-qlub tal-laħam, u dan billi tħaddem l-akbar ġustizzja li hi l-Ħniena. Ftakar li int ġejt fdat b’dan il-ministeru fil-ftuħ ta’ dak li l-Papa għadu kemm għammdu ż-żmien tal-ħniena”, fejn il-Knisja hi msejħa għal konverżjoni pastorali lejn il-loġika tal-ħniena. 

 

Min bħali ilu jafek xi ftit, iqisek bi bniedem deċiż, taf fejn trid tasal u mogħni b’ħila u determinazzjoni għat-triq u l-isfidi quddiemek. Imma daqstant ieħor fittex li tkun doċli, ta’ qalb ħelwa u umli bħall-Imgħallem li għażlek timxi warajh. Ħaddem l-awtorità tal-fardal li lesta taqdi qabel tordna, u aqsam id-dmir tiegħek li tmexxi u tiggwida ma’ oħrajn, billi anki titgħallem minn min jaħsibha differenti minnek… għax minn dawn il-kwalitajiet jingħaraf mexxej tajjeb! Fuq kollox itlob lil Alla biex bħal Salamun jagħtik moħħ ħafif biex tifhem u qalb lesta tisma’ (ara 1 Slat 3:9), dejjem miftuħa għall-fantasija kreattiva ta’ Alla. Ara li min ifittxek isibek dejjem, u ħobb imqar sa ma qalbek tuġgħek għax hekk żgur ma jiddispjaċikx li tkun tajt kollox għal dawk li huma tiegħek. 

 

Liebes is-sentimenti ta’ Kristu Ġesù, fik ħallina naraw lilu, ir-Ragħaj is-Sabiħ, biex tassew miegħek nistgħu ngħidu: Biżżejjed għalina l-grazzja tiegħu” (2 Kor 12:9). Smajtek tgħid li trid tiddefendi l-ispazji taċ-ċkejknin u ż-żgħażagħ li huma tant għal qalbek. Dan iferraħni mhux ftit, għax hekk stinkajna tant biex nagħmlu fis-snin li għaddew minkejja kull xkiel. Imma nħeġġek fuq kollox tħares il-primat ta’ Kristu bħala l-ġebla tax-xewka ta’ din il-komunità, ħalli tassew bl-ispirtu tiegħu fina, minn idejk mitmugħa b’Kelmtu, misqija bil-grazzja tas-sagramenti tiegħu, u fidili lejn it-tagħlim tal-Knisja tiegħu, inkunu mhux biss parroċċa taż-żgħażagħ imma Knisja żagħżugħa. Għalhekk ħobb bil-qalb tiegħek ta’ missier il-komunità kollha, mill-kbir saż-żgħir, mill-kollaboraturi ta’ ġewwa li sa ssib jgħinuk sa dawk li jħossuhom maqtugħa, il-familji midruba u mbiegħda mill-qalb tħabbat kollha mħabba ta’ Kristu, fit-truf eżistenzjali ta’ beltna, forsi bogħod mill-Knisja. Kun Arċipriet tal-Bażilika imma wkoll tal-periferija fejn Alla jinsab jistenna lil min jixtiequ!

 

Dun Joseph, int bniedem saqajk mal-art u taf li f’din il-parroċċa mhux biss ħa ssib min iħobbok u tħobbu, imm ħa jiġri wkoll li jkun hemm oħrajn anki minn ġewwa li ma jifhmukx, ma jgħinukx jew iġibulek oppożizzjoni. Tħossok waħdek u l-enerġija kollha taf tgħib fix-xejn! Bħalma għamel ma’ Marija u Ġużeppi, il-Mulej qed jgħidlek: Tibżax!”. Hu li għażlek u żgur mhux ħa jitilqek għal riħek. Ħafna ħa jfittxuk biex tagħtihom ħwejjeġ li mhumiex tiegħek biex tagħtihom. Bħal missier għaref, tfittixx li tagħti lin-nies dak li trid hi, imma biss dak li jrid Alla. Għal dan teħtieġ l-arti tad-dixxerniment!

 

Fl-aħħar nett, Arċipriet, infakkrek li s-sena u saħansitra l-jum li fihom tħabbret l-għażla tiegħek bħala ragħaj tagħna jfissru ħafna, anzi nħoss li huma providenzjali. F’dan il-150 anniversarju tas-Seminarju tagħna, nitolbok: ħabrek għall-vokazzjonijiet, anzi għinna biex ikollna ambjent li jgħin ħalli s-sejħat li jagħmel il-Mulej isibu art tajba fejn iż-żerriegħa tinbet, tikber u tagħti l-frott.

 

Fil-fehma tiegħi l-Knisja f’pajjiżna qed tgħix perjodu epokali: dak tal-bidla minn fidi tal-konvenzjoni għal waħda tal-konvinzjoni. Jista’ jkun li għad jgħaddi ż-żmien taċ-ċelebrazzjonijiet solenni u l-knejjes ippakkjati, imma minnek il-ftit li jibqgħu jridu jħossu ħierġa l-ħeġġa u l-ferħ tal-Vanġelu biex isibu raġuni għat-tama tagħhom. Ċert li sa tmidd għonqok għall-ħidma u għall-proġetti, imma “aħli” iżjed ħinek f’li tlaqqagħna mal-Kelma li saret laħam.

 

Il-Beatu Papa Pawlu VI fl-Evangelii nuntiandi qalilna li “l-bniedem tal-lum jisma’ iżjed bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema, dan jagħmlu għaliex huma xhieda”. Mela ħu l-eżempju tax-xhud sabiħ tagħna, San Ġorġ, il-Ħarries smewwi ta’ gżiritna u l-Patrun ta’ beltna u tal-parroċċa tagħna, biex ix-xhieda tiegħek tiddi bħal musbieħ fuq il-muntanja u l-“pussess” veru li ħa tieħu l-lum ikun dak tal-qalb tal-poplu fdat f’idejk.

 

Ad multos annos, għażiż ħabib u missier!

 

 

Photo: Joe Attard