Monday, February 20, 2017:

Ħarġet Il-Belt Victoria


Mal-Bulettin Parrokkjali tal-Ħadd 18 ta’ Frar 2017, tqassmet ħarġa oħra tar-Rivista tal-Parroċċa Il-Belt Victoria

 

Kif il-qarrejja jindunaw, din il-ħarġa hija differenti mill-ħarġiet ta’ qabel: qed jinġabru sentejn sħaħ minn Jannar 2015 sa Diċembru 2016. Dan, imma, ma naqqas xejn mill-kwalità għolja tar-rivista, mimlija tagħrif u aħbarijiet mill-parroċċa. Bi 72 paġna, fosthom sitt paġni tal-kulur, ingħata rappurtaġġ tal-mewt ta’ żewġ membri tal-Kapitlu Ġorġjan, il-Kan. Ġużeppi Sacco u l-Kan. Franġisk M. Vella, kif ukoll ta’ saċerdot ieħor Ġorġjan, Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritu ta’ Malta.

 

Ir-rivista tagħti ħarsa lejn il-missjoni ta’ grupp ta’ żgħażagħ mill-Parroċċa tagħna li għamlu fl-aħħar sentejn fl-Etjopja f’Settembru 2015 kif ukoll fl-art tal-Gwatemala f’Awwissu 2016. Taqsam ukoll mal-qarrejja l-esperjenza ta’ grupp ieħor mill-Parroċċa f’Pellegrinaġġ Speċjali fl-Art Imqaddsa li sar fl-2015.

 

Insibu wkoll artiklu dwar il-miġja ta’ Driegħ San Ġorġ li l-Parroċċa tagħna esperjenzat f’Ġunju 2015 u artiklu dwar l-importanza tal-Ġublew Staordinarju tal-Ħniena li l-poplu ta’ Alla għex fl-aħħar sena. Ingħataw wkoll dettalji dwar ir-restawr tal-faċċata u tal-koppla b’fondi mill-Ministerju għal Għawdex, fejn intwera pubblikament għall-ewwel darba d-disinn xjentifiku tal-faċċata tal-Bażilika u tal-kampnari, il-koppla u l-faċċati laterali.

 

Mal-artikli ta’ ġrajjiet kurrenti kien hemm oħrajn storiċi dwar l-Arċipriet Mons. Alfons Marija Hili kif ukoll dwar il-qniepen tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fl-okkażjoni tad-disgħin sena mill-wasla tagħhom, u ieħor dwar il-kolera f’Għawdex.

 

Iżda l-aktar avveniment riċenti li għaddiet minnu l-Parroċċa huwa l-bidu tal-ministeru pastorali ta’ Mons. Joseph Curmi bħala Arċipriet tal-Bażilika Ġorġjana. Dan ġie rrappurtat f’Suppliment b’informazzjoni estensiva tal-ġrajjiet u l-interventi marbuta ma’ dawn il-festi speċjali li saru f’Diċembru 2016. Is-suppliment ta’ 22 paġna u b’xi faċċati tal-kulur jinkludi wkoll ħarsa lejn l-arċipretura ta’ Mons. Pawlu Cardona f’dawn l-aħħar disa’ snin.

 

Din ir-rivista ssir b’tant dedikazzjoni u impenn, iżda wkoll tirrikjedi għajnuna finanzjarja. Għalhekk inħeġġu lil-qarrejja, li nafu li huma ħafna, anki minn barra l-Parroċċa, sabiex iwieġbu għall-appell tagħna għal aktar donazzjonijiet b’riżq din ir-rivista. Il-pubblikazzjoni li jmiss hija għal Mejju li ġej fejn tagħti ħarsa len il-ħajja parrokkjali bejn Jannar u April 2017.

 

Nilqgħu wkoll fil-Bord lis-Sur Noel Micallef, diġà kollaboratur tar-rivista, li issa daħal b’ruħu u ġismu flimkien mal-membri l-oħra fil-ħidma ta’ tħejjija tal-materjal għal din il-pubblikazzjoni prestiġjuża mistennija minn ħafna.

 

Wieħed jista’ jara l-aħħar ħarġa onlajn fuq waħda mill-paġni tas-sît elettroniku tal-Parroċċa.