Monday, April 24, 2017:

St Vincent Ferreri's Homily on St George


 

Priedka ta’ San Vinċenz Ferreri (1350-1419) dwar “San Ġorġ, is-sagrifiċċju u l-martirju bla tebgħa tiegħu”

 

 


(Skont Josep Perarnau i Espelt (1928) li kiteb dwar il-priedki ta’ dan il-Qaddis, din il-priedka saret fil-Belt ta’ Hellìn, tal-Provinċja Albacete ta’ Spanja f’jum il-“Feria IV”, u fil-belt ta’ Valencia, ukoll fi Spanja, f’jum il-“Feria III post Pascha” ta’ c.1411)



 

Ġabra fil-qosor -  Ġorgi offra lilu nnifsu ‘l Alla bħal sagrifiċċju u vittma bla tebgħa. Dan għamlu għax ma kellux xi ħtija dwar is-seba’ rjus tad-dnubiet mejta:

I L-ewwelnett ma kellux il-ħtija tal-kburija li tiġi min-nobilità, mis-sbuħija, mis-setgħa, minn xi rebħa;

II S. Ġorġ ma kellux il-ħtija taż-żina.;

III Ma kellux il-ħtija tax-xeħħa;

IV Ma kellux il-ħtija tal-korla;

V ma kellux il-ħtija tal-ikel u x-xorb żejjed;

VI ma kellux il-ħtija tal-għażż;

VII ma kellux il-ħtija tal-għira. Hawnhekk innota l-aħħar għemejjel tiegħu u t-tmiem bil-martirju.

“Beatus vir, qui inventus est sine macula – Hieni l-bniedem li jinstab mingħajr ħtija” (Ekkli. (Bin Sirak): 31, 8). Dan il-kliem jinstab fil-Ktieb tal-Ekkleżjasti u nqara fl-epistola ta’ llum. Din is-solennita ta’ kull sena f’ġieħ San Ġorġ issir minħabba l-għajnuna murija lill-Insara waqt l-assedju tal-belt għażiża ta’ Majorca. Imma, wara li nsellmu lill-Verġni Marija, irrid ngħid li l-ħsieb dwar dan li qed ngħid u d-daħla għas-suġġett ġewni f’moħħi minn liġi mogħtija minn Alla fl-antik, li fiha wera kif għandha tingħatalu l-offerta fis-sagrifiċċju tar-rebħa. Qal: “Meta wieħed joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej biex itemm xi wegħda jew b’devozzjoni, għandu joffri xi vittma mill-baqar, jew min-nagħaġ, bla difett, biex tingħoġob; ma għandu jkollha ebda nuqqas’”(Lev.22, 21). Dan kollu minħabba l-perfezzjoni ta’ Alla, li fih m’hemm ebda tebgħa, hu purissimu fl-essenza tiegħu.  Għalhekk, fl-antik, kienu ħafna attenti li s-sagrifiċċju ma jkollu ebda tebgħa li tidher u lanqas ikun għami jew b’xi difett eċċ. Dik il-liġi kienet tgħid: “Toffrix b’sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek, barri jew mogħża, li jkun fiha xi difett jew xi ħsara, għax dan jistkerrhu l-Mulej”(Dewt. 17, 1). Il-mogħża tindika persuna sempliċi, il-barri  b’żewġt iqrun, jiġifieri bis-setgħa u bl-għerf, persuna nobbli. Mela dawn it-talin għandhom joqgħodu attenti, biex jekk iridu joffru sagrifiċċju ‘l Alla, dan irid ikun mingħajr tebgħa, għax jekk ikun xort’oħra, ikun mistkerrah mill-Mulej. Minħabba f’hekk, San Ġorġ, biex is-sagrifiċċju tiegħu jkun milqugħ minn Alla, offra lilu nnifsu bla tebgħa, għax insibu li qatt ma kellu t-tebgħa tad-dnub il-mejjet.  Għalhekk jingħad dwaru: “Beatus vir – de virtute - qui inventus est sine macula – Hieni l-bniedem li nstab mingħajr ħtija”. Hekku t-tema tiegħi. Insib fl-Iskrittura Mqaddsa seba’ tbajja, skond dak li huma s-sebat irjus tad-dnubiet il-mejta, jiġifieri:

L-ewwel tebgħa hi dik tal-kburija u tal-frugħa.

It-tieni dik taż-żina u tal-pjaċir tal-ġisem.

It-tielet hi x-xeħħa u r-regħba.

Ir-raba hi l-korla u r-rabja.

Il-ħames hi l-ikel u x-xorb iż-żejjed jewil-gula.

Is-sitta hi l-għażż fil-ħwejjeġ ta’ Alla.

Is-seba’ hi l-għira u l-perversità.

San Ġorġ ma kellu xejn minn dawn, kif se naraw. Għalhekk “Beatus vir, qui inventus est sine macula – Hieni l-bniedem li jinstab mingħajr ħtija”. Min għandu xi tebgħa minn dawn ma jidħolx fis-saltna tas-smewwwiet: “Ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa, ħadd li jagħmel ħwejjeġ mistkerrha, ebda ħaġa b’oħra ma tidħol”(Apok. 21, 27).

I Ngħid l-ewwelnett, li San Ġorġ kien mingħajr it-tebgħa tas-suppervja u tal-frugħa bil-grazzja ta’ Alla. Spiss ikun hemm erba’ raġunijiet li jwasslu għall-kburija fis-suldati, li San Ġorġ kellu b’mod mill-aħjar, imma kien kapaċi jħares lilu nnifsu mit-tebgħa tal-kburija. L-ewwelnett hemm in-nisel nobbli li jwassal għall-kburija, imbagħad is-sbuħija tal-ġisem. It-tielet hemm il-ħakma fuq il-bnedmin u r-raba’ hemm ir-rebħa fuq l-għedewwa.

 

Meta s-suldat jaħseb: jien ġej minn razza nobbli antika eċċ, jitkabbar f’qalbu. San Ġorġ kien ġej minn razza nobbli. L-istorja tgħid li kien tassew nobbli mill-Kappadoċja, iżda qatt ma mela rasu bil-kburija minħabba dan. Kien jgħożż żewġ affarijiet nobbli f’qalbu, għax iben is-saltna ta’ Kristu u iben ir-Reġina, jiġifieri tal-Knisja. U kien jgħożż lilu nnifsu minħabba din in-nobilità.Imma ma tantx kien imħabbat b’dik tal-ġisem, anzi kien itenni ma’ David “xejn m’hemm ta’ siwi f’ġismi; dalwaqt nintemm fit-taħsir”.It-tieni, is-sbuħija tal-ġisem hi bosta drabi, okkażjoni ta’ kburija. Iżda San Ġorġ, minkejja li kellu sura mill-isbaħ, qatt ma ftaħar bih innifsu; kien jgħożż biss is-sbuħija ta’ ruħu, u kien jieħu ħsieb li tkun dejjem bajda u tiddi bil-fidi vera, u ħamra bit-tifkira tal-passjoni ta’ Kristu, imżejna bil-virtujiet. Kellu dejjem f’moħħu kliem Salamun li stqarr: “Qarrieqa l-ħlewwa tal-ġisem, fiergħa s-sbuħija; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha” (Prov.31,30). It-tielet, il-ħakma fuq il-bnedmin, meta suldat jara lilu nnifsu kaptan ta’ ħafna oħrajn, ikun faċli għalih li jitkabbar. San Ġorġ kien tribun, jiġifieri kaptan ta’ elf bniedem fl-armi, imma ma tkabbarx, lanqas qatt ma ta xi tort lil xi ħadd u la mexxa lilu nnifsu u lanqas lill-oħrajn ħlief bl-umiltà u bis-sempliċità. Kien jimxi skont: “Akbar m’int, iktar għandek tiċċekken, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli. Tfittixx dak li hu tqil wisq għalik, dak li ma tiflaħx għalih, tistħarrġux. Ikun moħħok f’dak li qabbdek tagħmel Alla, għax il-mistur xejn ma jiswielek. Tidħolx għal xogħol li mhuxiex tiegħek, għax ukoll dak li tgħallimt jisboq moħħ il-bniedem”(Bin Sirak, 3, 18 eċċ). Ir-raba’, , ir-rebħa fuq l-għedewwa soltu twassal għall-kburija ta’ min jirbaħ. San Ġorġ kien dejjem rebbieħ. Tassew kellu biex jitkabbar, iżda kien jattribwixxi kollox ‘l Alla u jgħid li r-rebħa fuq l-għedewwa hi grazzja u don ta’ Alla, għax il-ħafna jintrebħu mill-ftit u l-qawwijin jintrebħu mid-dgħajfin. Għalhekk kien itenni mal-kittieb imqaddes: “Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, iżda lil ismek sebbaħ”. Jidher ċar, għalhekk li l-ħtija tal-kburija ma tebbgħetux u lanqas kienet tinstab fih. Għalhekk, “Beatus vir, qui inventus est sine macula – Hieni l-bniedem li jinstab mingħajr ħtija”.

 

 

II. It-tieni, kien mingħajr tebgħa ta’ żina, jew tal-pjaċir tal-ġisem, tant li jista’ jingħad li kien verġni, għax fehem għal kollox li f’kull proprjetà, kastell jew belt, il-bnedmin mogħtijin għall-pjaċiri tal-ġisem, jagħtu lilhom infushom bħal ilpup lill-ġisem mejjet. Imma San Ġorġ ħares sewwa u kellu għożża għan-nisa, bħallikieku kien missier tagħhom ilkoll. Irrid, għalhekk ngħidilkom ġrajja waħda singulari li ġrat fi provinċja qrib il-Kappadoċja fejn in-nies kollha kienu jqimu l-allat foloz. Is-sultan ta’ dik il-provinċja kellu tifla waħda, imma d-demonji li ma jikkuntentawx bi ftit dnubiet biss, imma ftit ftit iwasslu għal dawk kbar, taħt it-tmexxija tagħhom wasslu lin-nies ta’ dik il-provinċja biex joffru ‘l uliedhom, subien u bniet lix-xitan. Dwar dan, David fis-Salm jistqarr “issagrifikaw ‘l uliedhom lid-demonji”. Qrib il-belt ta’ dak is-Sultan kien hemm għadira li fiha kien jgħix dragun kbir, li kien meqjum qisu alla. Is-sultan talab ‘l alla tiegħu li jekk jgħinu, joffrilu lil bintu, u billi kiseb l-għajnuna meħtieġa, ħassu fid-dmir li jwettaq il-wegħda li għamel. Imma Ġorġi mnebbaħ minn Alla, ħalla lil niesu u wasal waħdu f’dan il-post. Hemm hu lemaħ lit-tfajla liebsa sabieħ u tibki, niżel miż-żiemel u staqsiha x’ġara. Hi qalet lil Ġorġi b’dak kollu ġralha, li alla talab li tingħatalu b’ikel, u minkejja li missierha kien Sultan ma setgħax jeħles minnu. U San Ġorġ weġibha: tiddubitax, għax bil-qawwa ta’ isem Kristu jien illum se neħilsek. Meta d-dragun ħareġ mill-għadira u San Ġorġ għamel is-sinjal tas-salib imqaddes, ħareġ kontra tiegħu, ħadha kontrih, u ħa lura lit-tfajla għand missierha. Ġibu quddiem għajnejkom kif baqgħet dik it-tfajla meta rat quddiemha lil dak is-suldat sabieħ u tassew kuraġġjuż: nistħajjluha tgħid lil missierha biex jagħtihulha b’żewġha, għax aktar xtaqet lilu milli lill-Imperatur. Għalhekk, il-missier offrielu lil bintu bħala martu flimkien mas-saltna. Imma San Ġorġ wieġeb: Tagħtihiex lili imma lill-Kristu l-Mulej, billi tiġi mgħammda, għax Kristu kien li ħeles lil bintek. Imbagħad, it-tfajla u missierha s-Sultan tgħammdu u magħhom, f’dik il-belt tgħammdu xi 20 elf ruħ. Hekku kif Ġorġ kien bla tebgħa taż-żina u tal-pjaċir tal-ġisem. Oh! Kemm suldati, bil-libertà kollha kienu jagħmlu tagħhom lil dik it-tfajla, filwaqt li jtennu: Ejja binti f’kamarti, hemm inqiegħdek sewwa; b’hekk ikunu huma li jibilgħuha u mhux id-dragun. Iżda San Ġorġ, bħala suldat għaqli taha l-ħelsien, iriitornaha lil missierha, u la ried lilha u lanqas is-saltna. Dak il-ħin seta’ jgħid: “Int taf, Sidi li jien safi minn kull tinġis.. qatt ma tebbajt ismi” (Tob.3). Kemm għandhom x’jimitaw is-suldati li ma jagħtu każ ta’ xejn ħlief taż-żina, lanqas huma biżżejjed għalihom nisa ta’ kull stat u kundizzjoni. Mela,  “Beatus vir, qui inventus est sine macula – Hieni l-bniedem li jinstab mingħajr ħtija”.

 

III. It-tielet, San Ġorġ kien mingħajr it-tebgħa tax-xeħħa u tar-regħba. Filwaqt li seta’ jiġbor ħafna ġid bil-kisba ta’ vilel, bliet u kastelli, hu ma tax każ ta’ dan. L-istess Sultan, li San Ġorġ salvalu bintu, u li ċaħad li jieħu lil din it-tfajla b’martu, offrielu teżor kbir, imma hu ma riedux, anzi talbu jagħti dak il-ġid għall-bini ta’ knejjes u ta’ sptarijiet għall-persuni fqar. Minn dan kollu jidher ċar kemm kien ħieles mit-tebgħa tax-xeħħa, u li “ma marx jiġri wara d-deheb u lanqas ittama fil-flus u t-teżori”(Sir., 31). Imma llum teżisti regħba kbira fost is-suldati, li jixorbu flus is-sudditi tagħhom filwaqt li jtennu  li dawk huma offerti mogħtija bi pjaċir: imma jitfgħuhom fil-ħabs jew f’postijiet oħra bħalhom filwaqt li jgħidulhom, minn hemm ma toħorġux qabel tagħtu dak li rridu. Hekku l-offerti mogħtija bi pjaċir, iżommu għalihom id-dieċmi u l-ewwel frott. L-oħrajn ikollhom iċedulhom kollox, u huma jagħmlu tagħhom il-ġid ud-drittijiet tal-Knejjes b’periklu kbir, filwaqt li ma jħallux lil ħaddieħor jiġbor id-dieċmi u l-ewwel frott. Kemm jeżistu frugħat. Kien minħabba f’hekk li Kristu stqarr: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.(Lq.12,15).

IV. Ir-raba’, San Ġorġ kien bla ebda tebgħa ta’ korla u ta’ ħażen. Qatt ma ried jivvandika ruħu minn xi nġurja li saritlu lanqas skont l-ordni tal-ġustizzja, imma bis-sabar kollu kien jilqa’ l-offiżi b’qalb tajba. Qis kemm offiżi sarulu waqt it-turmenti li rċieva u li hu laqa’ bis-sabar għal Kristu. Matul il-ħakma tal-imperaturi Dijoklezjanu u Massiminjanu, li kienu jgħaddu lill-insara minn bosta persekuzzjonijiet, dawn bagħtu lil Daċjanu lejn l-inħawi tal-Kappadoċja biex jippersegwita lill-Insara, biex iġagħlom jiċhdu l-fidi jew ikollhom ibatu turmenti kbar, u fi żmien xahar qatel aktar minn għoxrin elf nisrani, u ħafna ċedew waqt it-tbatijiet. Imbagħad, San Ġorġ qal bejnu u bejn ruħu: diġa tqabadt u ġġelidt ħafna bil-qjies u bl-armi tal-ġisem, issa jixraq u rrid nitqabad bl-armi spiritwali. Qassam ġidu kollu lill-fqar u bi lbies sempliċi deher quddiem Daċjanu li kien qed isallab lill-insara, u b’leħen qawwi qallu l-kliem tas-salmi: l-allat kollha tal-pagani huma xjaten, imma hu l-Mulej li għamel is-smewwiet. Imbagħad Daċjanu staqsieh minfejn hu u x’jismu. Ġorġi wieġeb li hu mill-Kappadoċja, u dwar ismu stqarr: Jisimni Ġorġi u jien suldat imsemmi mad-dinja kollha. Imbagħad Daċjanu ordna li jitqiegħed fl-ekulew tat-tortura li jfakkarna dwar meta Kristu ġie mdendel mas-salib: dan kollu Ġorġi bata bis-sabar. Imbagħad Daċjanu tah turment ieħor: ordna li jintrabat bil-ħadid u li ġismu jiċċarrat bis-swat: iżda Ġorġ bil-ħsieb taċ-ċarċir ta’ demm Kristu f’moħħu, bata kollox bis-sabar. Imbagħad ġenbejh inħarqu bin-nar iħeġġeġ, filwaqt li l-feriti tiegħu mtlew bil-melħ. U San Ġorġ qal: “It-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien kollu jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla. Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġiegħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna”(Rum.8,18-24).

Jidher għalhekk ċar li San Ġorġ ma kellux rabja, ma kellux mibgħeda, lanqas kellu rieda ħażina, iżda ssaporta kollox bil-ħlewwa.U għalhekk kanta: mhux it-tgergir jinstema’, mhux l-ilmenti, iżda b’qalb siekta u b’moħħ tassew ċar, inħares is-sabar. Kemm għandhom x’jitgħallmu s-suldati tal-lum, kollhom bla sabar u bi kwistjonijiet fiergħa.  Kemm hu veru kliem Ġob: “Iva, il-korla tifni lill-iblah”(5,2). Il-bniedem irrabjat jissejjaħ iblah. Ir-raġuni hi għax min irid jivvendika ruħu mill-għadu hu iblah daqs min jieħu l-velenu. Hekk jiġrilu min fir-rabja jfittex il-vendetta: qabel xejn jeqred lilu nnifsu: “Kull min jobgħad lil ħuh hu qattiel” (1Ġw.,3,15), tiegħu nnifsu.

V. Il-ħames ħtija hi l-gula jew l-ikel u x-xorb iżżejjerd. Din il-ħtija teqred il-ġisem u r-ruħ. L-ewwel teqred il-ħarsa, it-tieni tħassar in-nifs, tneħħi l-qawwa, għax l-inbid jolqot in-nervatura, jdallam l-intellet, idgħajjef ir-riġlejn, iwassal għall-mard u nuqqasijiet ta’ saħħa oħra. Kien għalhekk li Kristu qal: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom”(Lq.21,24). Il-bhejjem,  jieħdu l-meħtieġ ta’ l-ikel u x-xorb, u l-bnedmin jieħdu aktar mill-meħtieġ. Ġorġi kien ħieles minn din il-ħtija. Kien jastjieni ħafna, spiss kien isum matul ir-randan u fil-vġejjel tal-Knisja, kif ukoll darbtejn kull ġimgħa, nhar t’erbgħa u nhar ta’ ġimgħa. Araw x’soltu jgħidu is-suldati lil min imorru jqerru għandu: tagħtinix sawm, għax jien neħtieġ il-qawwa, ħa jsumu l-membri tal-kleru. Ta’ min jgħidilhom: ikun aħjar iħarsu dil-qawwa billi tgħassu ruħhom min-nisa li jwassluhom biex titilfu l-qawwa tal-ġisem u l-kuraġġ tar-ruħ.

VI. Is-sitt ħtija hi dik tal-għażż fil-ħwejjeġ ta’ Alla. Ninnutaw il-għaqal ta’ San Ġorġ fil-ħwejjeġ spiritwali. Fi żmien il-paċi tqabad kontra ġismu bl-għajnuna tal-penitenza, kull filgħodu għarkubtejh, fis-skiet kien jisma’ l-quddiesa, kuljum kien jirċievi lill-Mulej fit-tqarbin. Minħabba dan l-għaqal, il-Mulej imlieh bil-qawwa. Qisu kif Daċjanu, biex ibeżżgħu għamel ir-roti bix-xfafar (kif naqraw ukoll dwar S. Katarina) biex iwasslu jiċhad il-fidi fi Kristu. Iżda San Ġorġ, wara li radd is-salib, qabeż f’nofs ir-roti, li ebda ħsara m’għamlulu, imma komplew isaħħuh fil-qawwa ta’ Alla, u ħafna pagani kkonvertew. Imbagħad, Ġorġi tqiegħed f’kardarun mimli comb jikwi, imma wara li radd is-salib deher qisu qed jgħum fl-ilma. Iżda kemm suldati fi żmien il-paċi jitgħażżnu u jaqgħu fid-dnub. Imma lil kull wieħed minn dawn, l-Iskrittura tgħid: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet fejn inti sejjer”(Koh.,9, 10).

VII. Is-seba’ ħtija hi l-għira jew il-perversità, għax spiss meta persuni twajbin u magħrufin jisimgħu oħrajn mfaħħrin u meqjumin, malajr tidħol f’qalbhom is-susa tal-għira, u jimtlew bil-mibgħeda għalihom. Minn din il-ħtija wkoll, San Ġorġ kien għal kollox ħieles: qatt ma kellu għira għal xi ħadd.  Daċjanu ħaseb li aktar ma tkun qalb ġeneruża aktar iċċedi għax-xewqat u għall-kliem mimli ħlewwa milli għat-turmenti jew għall-biża’.Għalhekk bil-ħlewwa ipprova jrattab lil San Ġorġ, u qallu: Ġorġi ma tarax kemm hi kbira l-paċenzja tal-allat tagħna? Għalhekk jekk trid tobdi u tħares il-liġijiet u d-digrieti tal-Imperaturi, tkun tassew kbir. B’hekk ried iqarraq malizzjosament b’San Ġorġ. Imma San Ġorġ wieġeb: Issa qed tgħidli b’dan wara ħafna turmenti iebsa, għax m’għidtlix hekk mill-bidu? San Ġorġ, immexxi mill-għerf tiegħu, ried iqarraq b’Daċjanu, billi għamel ta’ bir-ruħu li ried iqim l-allat b’mod solenni. Daċjanu feraħ b’dan kollu u ħabbar li San Ġorġ kien se jqim l-allat. Meta ttieħed fit-tempju, hekk kif waqaf fil-bieb, stqarr: Jiena nqim mhux lill-idoli, imma ‘l Alla veru. Jiena nadura mhux lix-xjaten, imma lil Kristu Salvatur. F’daqqa waħda nar niżel mis-sema, u t-tempju bl-idoli u b’ħafna nies li kienu nġabru, inqered.

Meta Daċjanu sema’ b’dan kollu stagħġeb u ordna li Ġorġi jew iqim l-allat jew jingħata l-mewt. U Ġorġi qallu: O iblah li int, kif temmen li jien se nqim l-allat tiegħek li jiena qridt? Għalhekk, Daċjanu ta s-sentenza ta’ qtugħ ir-ras kontra Ġorġi. Wara li ngħata s-swat, iddawwar mal-belt, sakemm wara li radd is-salib ġiet maqtugħa r-ras tiegħu.  Imbagħad, filwaqt li Daċjanu kien sejjer lura, niżel nar mis-sema li ħarqu għal kollox. U San Ġorġ intlaqa’ fis-sema. Ġorġi ma kellu ebda għira għall-ġid imwiegħed lilu minn Daċjanu, u mingħajr ebda biża laqa’ il-martirju. Hu veru dak li stqarr is-Salmista: “Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa; fetaħli triq dritta quddiemi”(18(17):33).

 

Mulej, Missier qaddis, nitolbuk, f’ġieħ is-sagrifiċċju bla tebgħa li San Ġorġ offrielek f’ħajtu u f’mewtu, agħtina l-grazzja li bil-għaqal inwarrbu kull tebgħa ta’ dnub, biex jirnexxielna naslu għar-rebħa dejjiema. Bi Kristu Sidna. Ammen

 

 

+++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++++

 

 

Mela, agħmel bħal San Ġorġ u...

 

 




 

 

 

(Dan il-paniġierku ta’ S. Vinċenz Ferreri ġie maqlub għall-Malti mil-Latin tal-ktieb “S. Vincentii Ferrerii, ex Sacro Praedicatorum Ordine concionatoris celeberrimi, Festivale, opera et studio Caspari Erhard, MDCCXXIX”).