Wednesday, February 28, 2018:

Pope Francis appoints Mgr Alfred Xuereb as Apostolic Nuncio to Korea


Tħabbret b'mod uffiċjali l-aħbar li l-Papa Franġisku għażel saċerdot mill-Parroċċa tagħna, Mons. Alfred Xuereb, biex ikun in-Nunzju Appostoliku fir-Repubblika tal-Korea (ta’ Isfel).

F’laqgħa li saret it-Tnejn, 26 ta’ Frar, fil-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ikkomunika din l-aħbar sabiħa fuq Mons. Xuereb, li sal-lum kien jaqdi r-rwol ta’ Prelat Segretarju Ġenerali fis-Segreterija għall-Ekonomija tas-Santa Sede. Waqt l-istess laqgħa l-E.T. Mons. Grech qal ukoll li Mons. Alfred Xuereb se jkun qed jaqdi wkoll l-irwol ta’ Arċisqof titulari ta’ Amantea, l-Italja.

Mons. Alfred Xuereb ser ikun qed jirċievi l-Konsagrazzjoni episkopali minn idejn il-Q.T. il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu 2018, fil-5.00pm.  

 


Profil 

 

Mons. Alfred Xuereb twieled il-Belt Victoria, Għawdex, fl-14 ta’ Ottubru 1958. Huwa għamel l-istudji filosofiċi u teoloġiċi tiegħu fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, fis-26 ta’ Mejju 1984, u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fit-8 ta’ Lulju 1984, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-parroċċa tal-oriġni tiegħu fir-Rabat ta’ Għawdex.

 

Fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu hu għamel Liċenzjat fit-Teoloġija Spiritwali fl-Istitut Pontifiċju Teresianum ta’ Ruma. Bit-teżi tiegħu Il Mistero Pasquale nella Vita Cristiana, fl-1989 kiseb id-Dottorat summa cum laude mill-istess istitut. Sadanittant, hu wettaq ukoll ħidma pastorali ta’ Viċi Parroku fil-Parroċċi tan-Natività tal-Mulej (1984-1988) u tas-Santissmu Sagrament (1989-1991), it-tnejn f’Ruma.

 

Bejn l-1991 u l-1995 hu kien is-Segretarju personali tar-Rettur tal-Università Pontifiċja tal-Lateran, u konfessur straordinarju fis-Seminarju Pontifiċju Maġġuri ta’ Ruma.

 

Bejn l-1995 u l-2000 huwa nħatar uffiċċjal tas-Segreterija tal-Istat, fejn ġie fdat b’żewġ missjonijiet qosra imma importanti bħala Rappreżentant tal-Vatikan fin-Nunzjatura Appostolika ta’ Ottawa fil-Kanada. Fl-1997, Dun Alfred irċieva t-titlu ta’ Kappillan tal-Qdusija Tiegħu bit-titlu ta’ Monsinjur, imbagħad fis-sena 2000 inħatar Uffiċċjal tal-Prefettura tal-Palazz Appostoliku fis-Segreterija tal-Prefett.

 

Fil-Vatikan ukoll, fl-1997, Mons. Xuereb ġie maħtur Viċi Assistent Spiritwali tal-Assoċjazzjoni ta’ San Pietru u San Pawl, u fl-2002 Assistent Spiritwali tagħha, kif ukoll Rettur tal-Knisja ta’ Santa Caterina della Rota bejn l-2001 u l-2002. Il-pożizzjoni tiegħu ta’ Prelato di Anticamera Pontificia (2003-2007), fejn fl-2003 ġie maħtur ukoll Prelato d’onore di Sua Santità, qegħditu qrib ħafna tal-mibki Papa (San) Ġwanni Pawlu II. Kien imbagħad fil-11 ta’ Settembru 2007 li l-Papa Benedittu XVI sejjaħlu biex jaħdem fis-Segreterija Partikulari tal-Qdusija Tiegħu, fejn Mons. Xuereb żvolġa r-rwol importanti tat-Tieni Segretarju tal-Papa.

 

Mal-ħatra tal-Papa Franġisku fl-2013, Mons. Xuereb sar l-ewwel Segretarju Privat tiegħu. Fit-28 ta’ Novembru 2013, il-Papa ħatru Delegat tiegħu fuq il-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon (IOR) u fuq il-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Organizzazzjoni tal-Istruttura Ekonomika-Amministrattiva tas-Santa Sede, bi rwol ta’ superviżjoni li kien iwieġeb direttament lill-Qdusija Tiegħu.

 

Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Alfred Xuereb l-ewwel Segretarju Prelat tas-Segretarjat għall-Ekonomija, dipartiment ġdid tal-Kurja Rumana.

 

Mid-9 ta’ Mejju 1998, Mons. Xuereb hu membru onorarju tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, Għawdex. Fuq proposta tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Italja, fl-2007 Mons. Xuereb ġie maħtur Kommendatur tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Taljan, waqt li fi Frar 2009 hu ġie maħtur Kappillan konventwali ad honorem tal-Ordni ta’ Malta. F’Diċembru 2011 hu ngħata wkoll Ġieħ il-Belt Victoria mill-Kunsill Lokali ta’ belt twelidu.

 

Mons. Xuereb jaf it-Taljan, l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż, il-Portugiż, u l-lingwa nativa tiegħu, il-Malti.

 

Tifsira tal-istemma episkopali
 

Il-motto episkopali

Bħala motto episkopali tiegħu, Mons. Xuereb għażel il-frażi bil-Latin meħuda mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, kap. 17, vers 21: “Ut unum sint”. It-traduzzjoni għall-Malti hija: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid bħala talba lill-Missier fl-Aħħar Ikla sabiex wara mewtu d-dixxipli jibqgħu magħquda fil-Ġisem mistiku tiegħu li hu l-Knisja.

 

Fil-qosor tiegħu dan il-vers jesprimi biċ-ċar il-missjoni tan-Nunzji Appostoliċi mibgħutin mill-Papa madwar id-dinja. Huma msejħa biex bil-ħidma tagħhom il-Knisja Kattolika tkompli tissaħħaħ fl-għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru u l-popli jersqu iktar lejn xulxin fil-paċi u l-ftehim.

 

Interpretazzjoni tal-istemma episkopali

Peress li Mons. Xuereb ġie elett bħala Arċisqof, fl-istemma naraw is-sinjali karatteristiċi ta’ stemma arċiveskovili: il-kappell aħdar b’għoxrin ġummiena u s-salib partijarkali b’żewġ dirgħajn orizzontali n-naħa ta’ fuq tal-istemma.

 

Fil-parti ewlenija tal-istemma hemm is-Salib ta’ Malta, li jfakkar l-oriġni Maltija ta’ Mons. Xuereb. Dan jinsab fuq sfond lewn id-deheb, lewn li peress li hu l-ewwel wieħed mill-metalli, hu tradizzjonalment assoċjat mal-ewwel virtù, il-Fidi.

 

Fil-ġnub tan-naħa ta’ fuq hemm żewġ simboli fuq sfond aħmar meħuda mill-istemmi pontifiċji taż-żewġ Papiet li tagħhom Mons. Xuereb kien Segretarju: l-imħara mill-istemma tal-Papa Benedittu XVI, u x-xemx tal-Kumpanija ta’ Ġesù mill-istemma tal-Papa Franġisku.